gov.mt

PR261829

PR261829

31/10/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Żewġ ambaxxaturi ġodda u Kummissarju Għoli f’laqgħa formali mal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati

​

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela, kellu laqgħat formali ma’ żewġ ambaxxaturi u Kummissarju Għoli ġodda akkreditati għal Malta, li matulhom ġew diskussi r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-pajjiżi rispettivi, kif ukoll opportunitajiet għal aktar kollaborazzjoni f’oqsma ta’ interess komuni.

Dawn huma l-Ambaxxatur tal-Ukrajna Ihor Brusylo, l-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Bulgarija Ivan Kondov u l-Kummissarju Għoli tat-Tanżanija Mbarouk Nassor Mbarouk.

Waqt il-laqgħa mal-Ambaxxatur Ukren, l-Ispeaker saħaq fuq ir-relazzjonijiet bilaterali tajbin bejn Malta u l-Ukrajna u esprima l-impenn ta’ Malta biex tkompli ssaħħaħ din il-kollaborazzjoni. Huwa tenna l-appoġġ ta’ Malta għas-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-pajjiż.

L-Ispeaker enfasizza wkoll l-importanza ta’ waqfien mill-ġlied mingħajr kundizzjonijiet. Barra minn hekk, Malta kkonfermat l-appoġġ tagħha għall-irkupru ekonomiku u umanitarju tal-Ukrajna, għas-sigurtà tal-esportazzjoni tal-qamħ mill-Baħar l-Iswed u għall-proċess ta’ adeżjoni tal-Ukrajna mal-Unjoni Ewropea.

Fil-laqgħa mal-Ambaxxatur Bulgaru, l-Ispeaker enfasizza l-importanza li jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Bulgarija, speċjalment fl-oqsma tal-kultura, l-edukazzjoni, il-kummerċ, l-investiment u d-diplomazija parlamentari. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar skambji kulturali u edukattivi, kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u opportunitajiet ġodda ta’ kooperazzjoni ekonomika, filwaqt li rrikonoxxa l-importanza tal-proġetti li jsaħħu r-rabtiet bejn iż-żewġ popli. Fl-aħħar nett, ġie enfasizzat li l-2026 timmarka l-55 anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Bulgarija.

Fit-tielet laqgħa, dik mal-Kummissarju Għoli tat-Tanżanija, l-Ispeaker iddiskuta l-importanza li jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u t-Tanżanija, b’mod partikolari fil-qasam tal-kummerċ, l-investiment u l-edukazzjoni. Huwa laqa’ wkoll il-kollaborazzjoni edukattiva permezz tal-International Maritime Law Institute (IMLI) u l-Mediterranean Academy of Diplomatic Studies (MEDAC), inkluża borża ta’ studju mogħtija lil diplomatiku Tanżanjan għas-sena akkademika 2026–2027.

L-Ispeaker awgura liż-żewġ ambaxxaturi u l-Kummissarju Għoli ħidma ta’ suċċess fil-kariga l-ġdida tagħhom.


​